Min aħna

Il-Fondazzjoni hija korp ta’ l-Unjoni Ewropea li ġiet imwaqqfa fl-1975 sabiex tikkontribwixxi għall-ippjanar u t-twaqqif ta’ kondizzjonijiet aħjar ta’ għajxien u ta’ xogħol. Hija tagħmel dan bi sħab mal-gvernijiet, ma’ min iħaddem, trejdunjins u l-istituzzjonijiet ta’ l-Unjoni Ewropea.

Il-Fondazzjoni hija mmexxija minn direttur u viċi-direttur, li jirrapurtaw lill-Bord Amministrattiv. Id-diretturi huma maħtura mill-Kummissjoni Ewropea minn lista provduta mill-Bord Amministrattiv. Il-Bord, magħmul minn rappreżentanti tal-gvernijiet u mill-imsieħba soċjali (min iħaddem u t-trejdunjins), huwa responsabbli għall-iżvilupp tal-programm ta’ xogħol tal-Fondazzjoni.

Il-Fondazzjoni għandha wkoll Uffiċċju ta’ Kollegament fi Brussel li għandu żewġ għanijiet: li jsaħħaħ il-viżibilità u l-impatt tar-riċerka tal-Fondazzjoni fuq livell ta’ l-Unjoni Ewropea, kif ukoll li josserva l-iżviluppi fid-deċiżjonijiet dwar il-politika.

L-uffiċċji tal-Fondazzjoni huma bbażati madwar Loughlinstown House, bini tas-seklu 17 f’Dublin, l-Irlanda.

Ħarsa Ġenerali

L-attivitajiet prinċipali tal-Fondazzjoni huma tnejn:

  • ġestjoni tar-riċerka
  • informazzjoni u komunikazzjoni

Barra minn hekk, hija ssostni wkoll dawn l-oqsma:

  • amministrazzjoni
  • riżorsi umani
  • servizzi ta’ l-operat
  • teknoloġiji tal-komunikazzjoni u ta’ l-informazzjoni

Dawn l-attivitajiet huma mmexxija mill-istaff tal-Fondazzjoni fl-uffiċċji tagħha f’Dublin. Madwar 100 membru ta’ l-istaff, b’firxa wiesgħa ta’ esperjenza professjonali, jintgħażlu minn numru ta’ Stati Membri. Numru żgħir ta’ esperti huma ssekondati minn żmien għal żmien mill-amministraturi nazzjonali.