Metodoloġija tal-istħarriġ tal-Eurofound

L-għan tax-xogħol ta' stħarriġ tal-Eurofound huwa li tipprovdi tagħrif ta' kwalità għolja dwar il-kwalità tal-kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol fl-Ewropa. Sabiex jintlaħaq dan il-għan, kull wieħed mill-istħarriġ huwa mmirat lejn popolazzjoni differenti sabiex tinkiseb informazzjoni speċifika.

L-Istħarriġ Ewropew dwar il-Kundizzjonijiet tax-Xogħol jistaqsi lill- ħaddiema biex jikseb għarfien dwar il-kwalità tax-xogħol u l-impjiegi. L-Istħarriġ tal-Kumpaniji Ewropej huwa mmirat lejn il-maniġers u r-rappreżentanti tal-ħaddiema fil-kumpaniji sabiex jiġbor informazzjoni dwar il-prattiċi fil-postijiet tax-xogħol. L-Istħarriġ Ewropew dwar il-Kwalità tal-Ħajja jintervista liċ-ċittadini Ewropej sabiex jikseb perspettiva dwar il- kundizzjonijiet tax-xogħol u l-perċezzjonijiet tal-kwalità tal-ħajja.

Minkejja dawn id-differenzi f'termini tal-popolazzjoni fil-mira, il-Eurofound għandha l-għan li kull fejn ikun possibbli tarmonizza l-metodoloġija tal-istħarriġ, biex tassigura li t-tagħlimiet miksuba fi stħarriġ partikolari jiġu implimentati fl-oħrajn.

Bħal kull proġett ieħor ta' riċerka, kemm il-partijiet interessati tal-Eurofound kif ukoll esperti fil-kamp rilevanti huma involuti fl-iżvilupp, l-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni tal-partijiet kollha ta' kull stħarriġ, li jassigura r-rilevanza tagħhom għal dawk li jfasslu l-politika u l-imsieħba soċjali fuq livell Ewropew u nazzjonali.

Permezz tal-involviment ta' esperti fl-iżvilupp tal-kwestjonarji, kif ukoll l-involviment tal-esperti tagħha fuq livell nazzjonali fil-proċess tat-traduzzjoni, il-Eurofound trid tassigura li l-mistoqsijiet kollha tal-istħarriġ jaqbdu l-fenomeni tad-dinja reali li huma maħsuba li jaqbdu (validità).

Permezz tal-għażla bir-reqqa ta' kampjuni rappreżentattivi, l-għażla tal-iżjed mod xieraq ta' kif jiġu amministrati l-kwestjonarji bl-użu tal-aħħar teknoloġija, l-ingaġġar ta' intervistaturi bl-esperjenza u l-għoti lilhom ta' taħriġ komprensiv għat-twettiq tal-intervisti u l-kodifikar, kif ukoll permezz tal-iċċekkjar bir-reqqa tad-dejta miġbura, peżar sofistikat, u analiżi xierqa, il-Eurofound għandha l-għan li tassigura l-konsistenza tal-kejl tal-istħarriġ (affidabilità).

L-impenn tal-Eurofound’ biex tipproduċi informazzjoni ta' kwalità għolja huwa muri ulterjorment fl-istrateġija tagħha tal- assigurazzjoni tal-kwalità għall-istħarriġ.

Kampjunar

Irrispettivament minn jekk il-popolazzjoni fil-mira ta' stħarriġ ikunux ċittadini, ħaddiema jew stabbilimenti Ewropej, mhuwiex possibbli li tinġabar informazzjoni mill-membri kollha ta' dik il-popolazzjoni.  Kampjun ta' rispondenti jiġi magħżul biex ikun kemm jista' jkun rappreżentattiv tal-popolazzjoni totali.

Il-Eurofound tfittex li tuża oqfsa ta' kampjunar tal-ogħla kwalità possibbli. F'kull pajjiż, hija tipprova ssib reġistru li jkopri mill-anqas 95% tal-popolazzjoni fil-mira. Għall-ECS dawn ir-reġistri preferibbilment ikun fihom informazzjoni ta' kuntatt tal-istabbilimenti jew inkella tal-kumpaniji. Fil-każ tal-EWCS u l-EQLS, ir-reġistri ġeneralment jinkludu informazzjoni dwar l-indirizzi tal-familji u xi kultant tal-individwi. Fl-EWCS u l-EQLS, meta ma jkunx disponibbli tali reġistru, tiġi ġġenerata lista ta' rispondenti possibbli permezz ta' hekk imsejħa proċedura tar-‘rotta każwali’.

Il-Eurofound tfittex li tiġbor kampjuni li jkunu kbar biżżejjed biex jagħtu riżultati validi fil-livell tal-pajjiżi individwali u li jirriflettu d-distribuzzjoni tal-popolazzjoni Ewropea b'mod tajjeb biżżejjed biex jippermettu ġeneralizzazzjonijiet għall-Ewropa kollha kemm hi. L-ewwel għan jitlob li d-daqs tal-kampjun fuq livell ta' pajjiż mill-anqas ikun ta' 1000 rispondent, li jnaqqas il-marġinu ta' żball għal livell aċċettabbli. It-tieni għan huwa r-raġuni għall- għażla ta' kampjuni akbar f'pajjiżi akbar, kif sar fl-iżjed EWCS u EQLS riċenti.

Kodifikar

Xi drabi huwa neċessarju li jsiru mistoqsijiet miftuħa, jiġifieri mistoqsijiet li ma jistgħux jitwieġbu direttament b'sett ta' tweġibiet stabbiliti minn qabel. Dan jista' jkun il-każ għal settur, pereżempju. L-intervistatur l-ewwel jinnota r-risposta mogħtija fid-dettall kollu u aktar tard ipoġġiha fil-kategorija xierqa fil-klassifikazzjoni statistika tal-attivitajiet ekonomiċi għall-Ewropa kollha (NACE).

L-ikkodifikar ġeneralment irid jiġi applikat għal mistoqsijiet miftuħa relatati mad-dħul, il-’livell edukattiv tar-rispondenti (permezz tal-ISCED), kif ukoll ir-reġjun li fih ikunu qegħdin jgħixu (permezz ta' NUTS).

Peżar

Ladarba titlesta l-fażi tal-ġbir tal-informazzjoni, is-settijiet tad-dejta jridu jiġu peżati sabiex jiġu kkumpensati d-diversi kawżi possibbli ta' żbilanċ fil-kampjun. Pereżempju, il-fatt li persuni differenti għandhom probabbiltà differenti li jintgħażlu għall-istħarriġ irid jiġi kkunsidrat b'mod statistiku. Akbar ma tkun l-unità (dar/kumpanija) fejn ikunu qed jgħixu jew jaħdmu l-persuni, inqas ikunu ċ-ċansijiet tagħhom li jiġu intervistati. Barra minn hekk, il-varjazzjonijiet fil-livell ta' rieda li jipparteċipaw fi stħarriġ jistgħu jwasslu għal rappreżentanza nieqsa ta' ċerti gruppi ta' rispondenti. Id-differenzi bejn il-pajjiżi fid-daqs tal-forza tax-xogħol tagħhom, mhumiex riflessi (b'mod sħiħ) fid-daqs tal-kampjun f'kull pajjiż u għalhekk jintuża l-ippeżar sabiex ikun assigurat li l-pajjiżi l-kbar ikollhom piż akbar fir-riżultati fuq livell tal-UE.

L-Istħarriġ Ewropew dwar il-Forza tax-Xogħol (LFS) sikwit jintuża bħala sors ta' dejta ta' referenza sabiex jitqies kemm id-dejta hija rappreżentattiva tal-popolazzjoni.

Il-metodoloġija hija adattata għall-ħtiġijiet speċifiċi ta' kull stħarriġ - hija disponibbli iżjed informazzjoni fuq il-paġni tal-istħarriġ individwali.