Assigurazzjoni tal-kwalità għall-istħarriġ
Eurofound għandha l-għan li tassigura l-kwalità għolja tad-dejta tal-istħarriġ tagħha billi tikkonforma ma' standards maqbula b'mod ġenerali għall-metodoloġija u l-proċeduri. Dan tagħmlu billi ssegwi l-kriterji tal-kwalità tas-Sistema Statistika Ewropea (ESS) fit-tfassil, l-implimentazzjoni u l-valutazzjoni tal-kwalità tal-istħarriġ. Għall-istħarriġ tal-Eurofound, il-kriterji huma applikati kif ġej:
- Rilevanza: Tassigura li l-istħarriġ jissodisfa l-ħtiġijiet tal-utenti preżenti u potenzjali
- Preċiżjoni: Li jkollok dejta li l-istimi għaliha jkunu kemm jista' jkun qrib il-valuri reali. F'termini prattiċi dan isir billi jitnaqqsu kwalunkwe żbalji fl-istħarriġ.
- Żmien opportun u puntwalità: It-tixrid tad-dejta kemm jista' jkun qrib il-perjodu ta' referenza u billi tiġi segwita l-iskeda għall-ħruġ tad-dejta
- Aċċessibbiltà u ċarezza: Li tippermetti lill-utenti li jaċċessaw mingħajr diffikultà r-riżultati u d-dejta u toffrilhom l-informazzjoni ta' sfond neċessarja sabiex jinterpretaw ir-riżultati
- Koerenza u komparabilità: Li tiġi riveduta d-dejta f'paragun ma' dejta oħra relatata li tkun ġejja minn sorsi oħra u jiġi valutat jekk id-differenzi jkunux attribwibbli għal differenzi bejn valuri veri. Tiġi stabbilita l-komparabilità tad-dejta f'żoni ġeografiċi differenti u maż-żmien.
L-għan huwa li jittejbu kontinwament il-kwalità u l-kost-effiċjenza tal-istħarriġ. Il-kriterji tal-kwalità, u l- passi meħtieġa fil-proċess sabiex jintlaħqu dawn il-kriterji, huma stipulati kemm fl- ispeċifikazzjonijiet tal-offerti kif ukoll fl-ippjanar dettaljat tal-proċess tal-istħarriġ. Huma stabbiliti proċeduri sabiex jiġu ċċekkjati l- aspetti kollha tal-preparazzjoni tal-istħarriġ, il-ġbir ta' tagħrif fuq il-post u l-ipproċessar tad-dejta u sabiex tinġabar dokumentazzjoni komprensiva ta' kif qegħdin jintlaħqu l-kriterji tal-kwalità.
L-impatt tal-istħarriġ fuq it-tiswir tal-politika u l-użu tad-dejta fir-riċerka huma mmonitorjati b'mod regolari. Tinġabar informazzjoni dwar kif l-istħarriġ jissodisfa l-ħtiġijiet tal-utenti. Barra minn hekk, jiġu kkummissjonati u ppubblikati valutazzjonijiet esterni tal-kwalità tad-dejta u dwar il-proċessi tal-istħarriġ.