EWCS 2010 - Ħiliet, taħriġ u prospetti ta' karriera

Iżjed ħaddiema jirċievu taħriġ waqt ix-xogħol

Ħadt taħriġ imħallas minn min iħaddmek (jew minnek stess jekk taħdem għal rasek) matul l-aħħar sena? (q61a)

Filwaqt li l-politika Ewropea tfittex li żżid in-numru ta' impjiegi, hija tfittex ukoll li tagħmel użu akbar mill-ħiliet u l-għarfien espert tal-ħaddiema sabiex iżżid il-produttività, mhux l-anqas billi toħloq il-kundizzjonijiet li jippromwovu l-kisba tal-ħiliet u jinkoraġġixxu l-awtonomija tal-ħaddiema. Kemm it-taħriġ kif ukoll l-organizzazzjoni tax-xogħol għandhom rwol importanti f'dan.

Il-Ħames Stħarriġ Ewropew dwar il-Kundizzjonijiet tax-Xogħol sab li fl-2010, it-taħriġ imħallas minn min iħaddem kien fl-ogħla livell tiegħu mill-1995 (għall-UE15), b'34% tal-ħaddiema jirċievu taħriġ fit-12-il xahar ta' qabel l-istħarriġ. Dan huwa kambjament f'xejra ta' 15-il sena li fihom it-taħriġ ipprovdut minn min iħaddem ma kienx żdied (iċ-ċifra fil-fatt kienet qiegħda tonqos bejn is-sena 2000 u l-2005).

'Is-sinifikat ta' din is-sejba huwa li l-importanza tat-taħriġ tidher li ġiet rikonoxxuta f'bosta pajjiżi Ewropej. Għad irridu naraw jekk din hijiex xejra sostenibbli. Fil-fatt, il-kuntest ekonomiku seta' kellu rwol,' tgħid Maija Lyly-Yrjänäinen, maniġer tar-riċerka fil-Eurofound. 'Ħafna mill-iskemi tax-xogħol għal perjodu qasir jinkludu t-taħriġ. Barra minn hekk, l-impjegati nfushom setgħu kienu iżjed attivi.'

Barra dan, it-taħriġ fuq ix-xogħol sar ukoll iżjed prevalenti, bl-involviment ta' 24% tal-impjegati fl-2005, u 30% fl-2010.

L-Għodda għall-Immappjar tal-Istħarriġ il-ġdida tal-Eurofound tagħtik aċċess sħiħ għad-dejta kollha fil-Ħames Stħarriġ Ewropew dwar il-Kundizzjonijiet tax-Xogħol, preżentazzjoni grafika utli u attraenti tal-iżviluppi fil-kundizzjonijiet tax-xogħol bejn l-1991 u l-2010.

L-opportunitajiet ta' taħriġ mhumiex indaqs għall-ħaddiema kollha 

Il-Ħames Stħarriġ Ewropew dwar il-Kundizzjonijiet tax-Xogħol sab li l-impjegati permanenti jibbenefikaw ferm aktar mit-taħriġ imħallas minn min iħaddem milli dawk impjegati b'arranġamenti oħra. Fl-2010, 39% tal-impjegati permanenti kellhom aċċess għal taħriġ imħallas minn min iħaddem, meta mqabbel ma' 26% tal-impjegati oħra.

‘Mis-sejbiet tagħna joħroġ ċar li huwa importanti ħafna x'tip ta' ftehim kuntrattwali jkollok ma' min iħaddmek,' jgħid Greet Vermeylen, maniġer tar-riċerka fil-Eurofound. ‘Jekk għandek kuntratt permanenti, għandek ċans ferm akbar li tiżviluppa fl-impjieg tiegħek, titgħallem aktar u ssib sfidi li finalment jikkontribwixxu għal ambjent tax-xogħol aħjar u iżjed ispirattiv.'

Ħadt taħriġ imħallas minn min iħaddmek matul l-aħħar sena?

Status tal-impjieg: ħaddiema b'kuntratti permanenti

L-istampa f'termini tal-gruppi okkupazzjonali hija wkoll varjata. Il-ħaddiema klerikali b'ħiliet għolja huma dawk li jmorru l-aħjar, b'47% ta' dawn il-ħaddiema jirċievu taħriġ imħallas minn min iħaddem, meta mqabbel ma' 36% tal-ħaddiema klerikali b'ħiliet aktar baxxi. Filwaqt li l-gruppi okkupazzjonali kollha bbenefikaw minn żieda fl-aċċess għat-taħriġ imħallas minn min iħaddem bejn l-2000 u l-2010, il-ħaddiema manwali marru aħjar mill-ħaddiema klerikali, bil-proporzjon ta' ħaddiema manwali li kellhom aċċess għat-taħriġ jitla' minn 18% għal 22%. Għalkemm din iż-żieda kienet akbar miż-żieda għall-ħaddiema klerikali, il-ħaddiema manwali xorta għadhom igawdu minn inqas taħriġ.

L-età hija wkoll importanti: 30% ta' dawk li għandhom 'il fuq minn 50 sena rċevew taħriġ imħallas minn min iħaddimhom, meta mqabbel ma' 36% tal-ħaddiema ta' bejn 30 u 49 sena. Id-differenza bejn il-gruppi ta' etajiet naqset.

Ħadt taħriġ imħallas minn min iħaddmek (jew minnek stess jekk taħdem għal rasek) matul l-aħħar sena? (q61a)

 

It-taħriġ imħallas mill-impjegati żdied b'50% matul il-ħames snin li għaddew

Il-Ħames Stħarriġ Ewropew dwar il-Kundizzjonijiet tax-Xogħol sab li wieħed minn kull għaxar ħaddiema (9%) ħallsu għat-taħriġ tax-xogħol tagħhom stess fl-2010. Dan jirrappreżenta żieda ta' 50% fuq il-5 snin ta' qabel.

'Filwaqt li żieda fit-taħriġ hija apprezzata u konformi mal-miri ta' politika Ewropej, nixtiequ b'xi mod nispeċifikawha: huwa diffiċli ħafna biex wieħed jgħid li l-livelli tat-taħriġ li ngħata huma għoljin.' tgħid Agnès Parent-Thirion, kap tal-istħarriġ u l-analiżi tax-xejriet fil-Eurofound. 'Huma wkoll l-iżjed impjegati edukati li jirċievu u jħallsu għat-taħriġ. L-inugwaljanzi bejn il-ħaddiema klerikali b'ħiliet għolja u l-ħaddiema manwali b'ħiliet baxxi huma kbar fit-taħriġ b'mod ġenerali, iżda konsiderevolment akbar meta jitqies it-taħriġ imħallas mill-ħaddiema nfushom. '

Il-proporzjon bejn it-taħriġ fuq il-post tax-xogħol imħallas minn min iħaddem għall-ħaddiema klerikali b'ħiliet għolja u l-ħaddiema manwali b'ħiliet baxxi jgħaddi minn 1 għal 2 għal proporzjon ta' 1 għal 5 meta jitqies it-taħriġ imħallas mill-impjegat.

Dawn ir-riżultati jikkonfermaw li ż-żieda fil-ħiliet tal-forza tax-xogħol teħtieġ politika ambizzjuża u fuq bosta livelli fejn kulħadd jagħmel ir-rwol tiegħu.

L-Għodda għall-Immappjar tal-Istħarriġ il-ġdida tal-Eurofound tagħtik aċċess sħiħ għad-dejta kollha fil-Ħames Stħarriġ Ewropew dwar il-Kundizzjonijiet tax-Xogħol, preżentazzjoni grafika utli u attraenti tal-iżviluppi fil-kundizzjonijiet tax-xogħol bejn l-1991 u l-2010.