Stħarriġ Ewropew dwar il-Kwalità tal-Ħajja (EQLS)

Dan l-istħarriġ pan-Ewropew uniku, li jsir kull erba' snin jeżamina kemm iċ-ċirkostanzi oġġettivi tal-ħajja taċ-ċittadini Ewropej u kif dawn iħossuhom dwar dawn iċ-ċirkostanzi kif ukoll il-ħajja tagħhom b'mod ġenerali. Dan iħares lejn firxa ta' kwistjonijiet bħall-impjieg, id-dħul, l-edukazzjoni, id-dar, il-familja, is-saħħa u l-bilanċ bejn il-ħajja tax-xogħol u l-ħajja privata. Dan iħares ukoll lejn temi suġġettivi bħall-livelli ta' kuntentizza tan-nies, kemm huma sodisfatti b'ħajjithom u kif dawn iħarsu lejn il-kwalità tas-soċjetajiet tagħhom.

Permezz ta' dan l-istħarriġ li jsir b'mod regolari, sar possibbli wkoll li jiġu segwiti tendenzi ewlenin fil-kwalità tal-ħajja tan-nies matul iż-żmien. Stħarriġ preċedenti wera, pereżempju, li n-nies qegħdin isibuha aktar diffiċli biex ilaħħqu mal-ħajja minn mindu bdiet il-kriżi ekonomika. F'ħafna pajjiżi, dawn iħossu wkoll li bħalissa hemm aktar tensjoni bejn nies minn gruppi etniċi differenti. U mal-Ewropa kollha, in-nies issa saru jafdaw lill-gvernijiet tagħhom inqas minn qabel. Madankollu, in-nies xorta waħda jkomplu jkunu l-aktar sodisfatti bil-ħajja tal-familja u r-relazzjonijiet personali tagħhom.

Matul is-snin, l-EQLS żviluppa f'sett ta' indikaturi siewja li jikkomplementa indikaturi tradizzjonali ta' tkabbir ekonomiku u livell ta' għajxien bħall-PDG jew id-dħul. L-indikaturi tal-EQLS huma ċari u attraenti bħall-PDG iżda jinkludu aktar aspetti ambjentali u soċjali ta' progress u għaldaqstant jiġu integrati faċilment fil-proċess ta' teħid ta' deċiżjonijiet u jiġu indirizzati f'dibattiti pubbliċi fil-livelli tal-UE u nazzjonali fl-Unjoni Ewropea.

F'kull fażi tal-istħarriġ, kampjun ta' popolazzjoni adulta ntgħażel b'mod każwali għal intervista wiċċ imb'wiċċ. Fid-dawl tat-tkabbir prospettiv Ewropew u l-interess mill-pajjiżi tal-EFTA, il-kopertura ġeografika tal-istħarriġ espandiet maż-żmien:

  • L-ewwel EQLS fl-2003 - 28 pajjiż: 27 Stat Membru tal-UE u t-Turkija
  • It-tieni EQLS fl-2007-2008 - 31 pajjiż: 27 Stat Membru tal-UE, il-Kroazja, dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, it-Turkija u n-Norveġja
  • It-tielet EQLS fl-2011-2012 - 34 pajjiż: 27 Stat Membru tal-UE u l-Kroazja, l-Islanda, dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, il-Montenegro, is-Serbja, it-Turkija u l-Kosovo.

Barra minn dan, numru ta' mistoqsijiet mit-tieni EQLS ġew mistoqsija bħala parti mill-istħarriġ tal-Ewrobarometru fl-2009 li ppermetta għall-istudju ta' Tendenzi fil-kwalità tal-ħajja tal-UE: 2003-2009.

Dejta mill-EQLS u sorsi oħra komplementari wkoll jagħtu l-informazzjoni lid-dejtabejż ’ elettronika tal-Eurofound tal-kwalità statistika tal-indikaturi tal-ħajja (EurLIFE).